STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-BIEDJA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Sajjieda jibbenefikaw minn weraq tal-palm mingħajr ħlas

Reference Number: PR201487mt, Press Release Issue Date: Aug 04, 2020
Sajjieda jibbenefikaw minn weraq tal-palm mingħajr ħlas
Il-Ministru għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ltaqa’ mas-sajjieda f’San Pawl il-Baħar, ftit ġranet qabel jiftaħ l-istaġun tal-lampuki sabiex iniedi l-inizjattiva tat-tqassim tal-palm mingħajr ħlas.

Il-preparamenti u l-ispejjeż tas-sajd tal-lampuki huma kemmxejn kbar u għaldaqstant permezz ta’ din l-inizjattiva li ħa l-ministeru se jserraħ moħħ is-sajjieda li se jkollhom palm biżżejjed biex jippreparaw il-kannizzati tagħhom għall-istaġun tal-lampuki li normalment jibda fil-15 ta’ Awwissu. 

Tul dawn l-aħħar ġimgħat, il-ministeru għamel sensiela ta’ laqgħat ma’ entitajiet pubbliċi u privati kif ukoll ma’ kunsilli lokali sabiex jintlaħaq ftehim dwar f’liema żoni se jinżabru l-palm, jinġabar il-weraq u fl-aħħar i​ssir id-distribuzzjonu lis-sajjieda b’xejn.

Il-ministru qal li, “din is-sena inżabru ‘l fuq minn 800 siġra u qiegħda tingħata wkoll kura lill-palm li jkunu nqatgħu l-weraq minnu sabiex ma jiġix attakkat mill-bumunqar u hekk dak li jkun jibbenefika minn dan il-proċess fl-istess ħin”. Huwa rringrazzja wkoll lit-tim professjonali fl-Għammieri.

Fl-aħħar nett, il-ministru awgura staġun tajjeb lis-sajjieda kollha filwaqt li qal li dan huwa eżempju ċar ieħor ta’ kif dan il-gvern qiegħed jagħmel dak kollu li jista’ biex jgħin lis-sajjieda Maltin u Għawdxin kollha biex jiffaċilita l-ħidma tagħhom.​