STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ

Reference Number: PR201518mt, Press Release Issue Date: Aug 08, 2020
Aktar aċċessibbiltà għal 3,000 bidwi permezz ta' fondi Ewropej
​Aktar aċċessibbiltà għal 3,000 bidwi permezz ta' fondi Ewropej

Il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi wrew sodisfazzjon kbir bis-suċċess li kellha l-implimentazzjoni tal-Miżura 4.3 b'investiment ta' madwar €17-il miljun f'fondi Ewropej taħt il-programm għall-Iżvilupp Rurali għal Malta 2014-2020.

Din il-miżura tkopri investimenti fl-infrastruttura agrikola fejn ingħatat għajnuna finanzjarja biex sar it-titjib f'195 triq rurali f'Malta u Għawdex.

Il-Ministru Refalo qal li, “permezz tal-Miżura 4.3 aħna komplejna nibnu fuq il-progress li sar fil-passat sabiex numru ta' toroq li jagħtu aċċess għal diversi għelieqi f'Malta u f'Għawdex jerġgħu jinbnew jew jiġu rranġati skont il-bżonn".

Il-proġett tal-Kunsill Lokali ta' Kerċem kien wieħed mill-benefiċjarju ta' għajnuna pprovduta minn din il-miżura, fejn irċeva għotja ta' aktar minn €300,000 sabiex seta' jitwettaq il-proġett fi Triq l-Għadira f'Kerċem. Dan il-proġett inkluda wkoll sistema għall-ġbir tal-ilma tat-triq, sabiex l-ilma li jinġabar ikun jista' jintuża mill-bdiewa għall-attivitajiet agrikoli tagħhom.

Il-Ministru Refalo spjega u qal li, “peress li issa wasalna lejn l-aħħar tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020, din il-miżura ngħalqet u mhux se jinfetħu sejħiet oħra għall-applikazzjoni. Madankollu, il-gvern għaddej b'ħidma kontinwa sabiex jiġu ppreparati l-iskemi ta' għajnuna li se jkopru l-perjodu 2021-2027 bil-għan li nintervjenu fejn hemm l-aktar bżonn sabiex tissaħħaħ is-sostenibbiltà tas-settur agrikolu tagħna u nkomplu nappoġġjaw kemm nistgħu lill-bdiewa u r-raħħala f'pajjiżna".