STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI - Skema ta’ kumpens lis-sajjieda li jistadu għat-tonn

Reference Number: PR201694mt, Press Release Issue Date: Sep 10, 2020
Skema ta’ kumpens lis-sajjieda li jistadu għat-tonn
​Il-gvern ħass li għandu jintervjeni f'numru ta' setturi waqt il-pandemija tal-COVID-19, li qed tippreżenta sfidi kbar għall-ekonomija globali u tal-Unjoni Ewropea. Is-settur tas-sajd Malti mhuwiex eċċezzjoni u għalhekk, kif imwiegħed, ser tingħata għajnuna lil dawk is-sajjieda li jistadu għat-tonn. Permezz ta' allokazzjoni ta' €720,000 mill-fondi nazzjonali, id-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali qed iniedi skema ta' kumpens biex jipprovdi għajnuna lis-sajjieda ta' bastimenti reġistrati bħala MFA u MFB u li ġew allokati kwota sabiex jistadu għat-tonn fl-2020.

Bħala parti minn din l-iskema, dawk kollha li ser ikunu qegħdin japplikaw ser ikunu intitolati għal għajnuna li tammonta għal €2 għal kull kilogramma ta' kwota allokata mid-Dipartiment fl-2020 għall-qbid tat-tonn.

Il-Ministru Anton Refalo qal, “Din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba l-fatt li aħna nafu li f'dawn l-aħħar xhur il-konsum tal-ħut f'pajjiżna naqas sostanzjalment, bir-riżultat ta' diversi fatturi, fosthom l-għeluq ta' negozji li joperaw fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità bħal ristoranti u lukandi. Barra minn hekk, il-bejgħ tal-ħut lokali wkoll ħa daqqa ta' ħarta konsegwenza ta' diffikultajiet fl-esportazzjoni. Aħna bħala gvern irridu nkunu preżenti kull fejn jinqala' xi ntopp billi noffru għajnuna finanzjarja fejn hemm bżonn." 

Fil-jiem li għaddew, bdew jitqassmu l-applikazzjonijiet lis-sajjieda kkonċernati. Barra minn hekk, wieħed ikun jista' wkoll iniżżel il-formola tal-applikazzjoni mill-paġna ta' Facebook tad-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura. 

Dawk interessati għandhom jibagħtu bil-posta l-applikazzjoni tagħhom, flimkien ma' dokumentazzjoni oħra mitluba, lid-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura fl-Għammieri sa mhux aktar tard mit-Tlieta, 22 ta' Settembru. L-applikazzjonjiet jistgħu wkoll jiġu impustati fl-uffiċini tal-ħatt tal-ħut madwar Malta u Għawdex. 

Din l-iskema ta' kumpens qed tiġi amministrata mid-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura. F'każ ta' xi diffikultajiet, wieħed għandu jċempel lid-Dipartiment għal aktar informazzjoni fuq 22926845 jew 22926831. ​​