STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ: Inawgurazzjoni ta’ ‘fishing landing site’ f’Marsaxlokk b’investiment ta’ aktar minn nofs miljun ewro b’fondi Ewropej

Reference Number: PR201738mt, Press Release Issue Date: Sep 16, 2020
Inawgurazzjoni ta’ ‘fishing landing site’ f’Marsaxlokk b’investiment ta’ aktar minn nofs miljun ewro b’fondi Ewropej
Il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi inawguraw il-Faċilità tal-Ħatt tal-Ħut f'Marsaxlokk, liema proġett tħabbar fil-baġit għas-sena 2017. Permezz ta' investiment ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), inbniet faċilità li ser tiffaċilità l-iżbarkar tal-ħut fir-reġjun tax-Xlokk tal-gżejjer Maltin.

Fost proġetti oħra li waqqaf il-gvern Malti, jinkludu l-bini ta' pixkerija ġdida fil-Marsa, promozzjoni ghall-konsum tal-ħut frisk u sostenibbli permezz ta' kampanji edukattivi u titjib fil-portijiet awtorizzati għal-ħatt tal-ħut tal-Marsa, San Pawl il-Baħar, Wied il-Għajn u Marsaxlokk. Il-Ministru Anton Refalo saħaq li, “Dawn il-proġetti se jkomplu jikkontribwixxu b'mod dirett fit-tisħiħ tal-operat tad-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura, kif ukoll isaħħaħ is-sostenibbiltà tas-settur tas-sajd sabiex ikunu jistgħu jibbenifikaw minnu mhux biss il-ġenerazzjoni kurrenti, imma wkoll dawk futuri."

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett sar b'investiment ta' aktar minn nofs miljun ewro b'fondi Ewropej li ġew investiti fil-qasam tas-sajd. Hu saħaq li dan mhux l-ewwel proġett li ġie ffinanzjat b'fondi Ewropej, hekk kif dan jikkumplimenta proġett ieħor li diġà sar ta' tkabbir tal-moll ta' Marsaxlokk sabiex issa jista' jakkomoda aktar bastimenti tas-sajd. Is-Segretarju Parlamentari spjega ukoll kif bħalissa għaddejjin mill-fażi importanti tal-iprogrammar tal-akbar pakkett finanzjarju ta' fondi Ewropej li qatt kiseb pajjiżna. Hu kkonkluda billi qal li dawn il-fondi Ewropej se jkomplu jiġu investiti fil-qasam tas-sajd biex inkomplu insaħħuħ u ngħinu lis-sajjieda tagħna. 

Din il-faċilità mistennija ttejjeb il-ħidma tal-Uffiċjali għall-Protezzjoni tas-Sajd, li huma responsabbli li jassiguraw li l-ħut maqbud illegalment ma jiġix imniżzel u mibjugħ ġewwa l-gżejjer Maltin. Dan il-proġett b'baġit ta' €666,166.47 jinkludi wkoll chiller room li tippermetti li d-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura jaħżen ħut maqbud illegalment u li ġie kkonfiskat, kif ukoll krejn li għandu jintuża fil-proċess tal-ħatt tal-ħut imdaqqas. ​