STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ - Riċerka dwar il-ħut li twassal għal settur tas-sajd aktar sostenibbli

Reference Number: PR201847mt, Press Release Issue Date: Sep 28, 2020
Riċerka dwar il-ħut li twassal għal settur tas-sajd aktar sostenibbli
​Il-gvern qed jinvesti f'riċerka dwar il-ħut tal-gżejjer Maltin permezz ta' involviment f'diversi proġetti, kemm nazzjonali, kif ukoll dawk internazzjonali, biex is-settur tas-sajd ikun aktar sostenibbli.

F'dawn il-proġetti, il-Fisheries Research Unit ġewwa d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali qed iwettaq riċerka xjentifika li tittratta dwar l-aspetti bioloġiċi u soċjo-ekonomiċi tas-sajd. 

Preżentament, il-gvern  qed iwettaq riċerka dwar il-ħut madwar il-gżejjer Maltin permezz tal-istudju annwali MEDITS (Mediterranean International Trawl Survey). Il-Ministru Anton Refalo qal li din ir-riċerka issir bl-għan li nifhmu aħjar is-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut. Dan l-istudju jdum madwar ġimgħatejn, fejn jintuża bastiment ta' sajjieda Maltin attrazzat għal din it-tip ta' riċerka u jittella' l-ħut sabiex isir l-analiżi ta' dawn l-istokkijiet diversi.  

Permezz tad-data vasta li tinġabar minn dan is-survey, is-sezzjoni tar-riċerka ser tkun qiegħda tippubblika numru ta' rapporti, kif ukoll studji xjentifiċi bl-għan li jtejbu s-settur tas-sajd. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan huwa studju wieħed fost ħafna li qed jiġu ffinanzjati permezz tal-Fond Ewropew Għall-Affarijiet Marittimi U S-Sajd 2014-2020. Hu spjega li din ir-riċerka tifforma parti mill-proġett tad-'data collection' li fit-totalità tiegħu hemm allokati għalih madwar €5 miljun ewro. B'hekk, is-Segretarju Parlamentari saħaq li Malta se tkun tista' tonora l-obbligazzjonijiet tagħha skont il-Politika Komuni tas-Sajd, kif ukoll il-Politika Marittima Integrata tal-Unjoni Ewropea.

Dawn ir-rapporti u l-istudji xjentifiċi jkunu jistgħu jagħtu stampa aktar ċara tal-istat tal-ħut demersali fl-ibħra territorjali Maltin. Għaldaqstant, permezz ta' din ir-riċerka, il-gvern ikollu f'idejh l-evidenza xjentifika neċessarja sabiex jinforma l-politika tas-sajd fil-livell reġjonali, u jara li l-pjanijiet li jiġu mfassla fil-fora reġjonali jkunu msewsa fuq il-pilastri ta' żvilupp sostenibbli għas-settur. 

Bħala parti mill-obbligi taħt il-qafas tal-ġbir tad-data, id-data biometrika li tinġabar minn dan is-survey tiġi sottomessa lill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropeja permezz tas-Sejħa tad-Data tal-Baħar Mediterran u tal-Baħar l-Iswed. ​