STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, L-ISPORT U L-VOLONTARJAT - Iktar minn €75,000 lill-għaqdiet volontarji permezz tal-Animal Welfare Fund Grant Support Scheme

Reference Number: PR201862mt, Press Release Issue Date: Sep 30, 2020
Iktar minn €75,000 lill-għaqdiet volontarji permezz tal-Animal Welfare Fund Grant Support Scheme
​Permezz tal-Animal Welfare Fund Grant Scheme mill-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, għaxar għaqdiet volontarji se jingħataw bejniethom is-somma ta’ €76,893 bil-għan li jkompli jitjieb il-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna. 
 
Il-benefiċċjarji jinkludu santwarji tal-annimali, għaqdiet li jippromwovu l-għarfien dwar ir-responsabbilità ta’ min irabbi l-annimali, u gruppi li jipprovdu servizzi ta’ appoġġ lill-annimali. Dan huwa sinjal ieħor ta’ rikonoxximent għall-kontribuzzjoni li qegħdin jagħtu f’dan is-settur, speċjalment waqt il-pandmeija tal-COVID-19. 
 
Waħda mill-għaqdiet li se tibbenefika minn dawn il-fondi hija s-santwarju CSAF (Carers for Stray and Abandoned Felines) f’Bormla li fih saret żjara minn mart il-Prim Ministru Lydia Abela, il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Clifton. 
 
Il-Ministru Anton Refalo spjega kif l-għan tal-Animal Welfare Fund Grant Support Scheme huwa li jitwettqu proġetti li jtejjbu d-drittijiet tal-annimali, jqajjmu kuxjenza dwar ir-responsabbiltajiet ta’ min jieħu ħsieb l-annimali, u jassistu fil-progress ta’ prattika tajba fil-ħarsien tal-annimali. Ser tissaħħaħ ukoll il-kwalità fil-kura kif ukoll is-servizzi ta’ rijabilitazzjoni fil-komunità biex tipprovdi faċilitajiet aħjar għall-annimali.
 
Il-Ministru Refalo qal li l-iskema tipprovdi pjattaforma minn fejn tiżviluppa u trawwem kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet u d-Direttorat tas-Servizzi għall-Ħarsien u l-Promozzjoni tal-Annimali (AWPSD) fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali.
 
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima fakkar kif matul din is-sena l-għaqdiet volontarji bbenefikaw minn investiment ta’ €3 miljuni, l-ikbar investiment dirett li qatt sar fis-settur tal-volontarjat. 
 
“Din l-iskema tkompli turi kemm dan il-gvern huwa kommess li jagħti l-għajnuna kollha possibbli lill-għaqdiet volontarji sabiex nassiguraw l-eżistenza tal-istess għaqdiet. L-għan tagħna huwa li natrezzaw u nagħtu l-għodda lill-għaqdiet sabiex dawn ikomplu jaħdmu u jwettqu l-ħidma impekkabbli tagħhom,” tenna s-Segretarju Parlamentari Grima.
 
Dr Lydia Abela qalet li d-drittijiet tal-annimali se jibqgħu fuq nett tal-aġenda tagħha. “L-annimali m’għandhomx fomm biex jitkellmu dwar dak li jdejjaqhom jew li jixtiequ jbiddlu, u għalhekk dan ix-xogħol imiss lilna li nagħmluh”, sostniet mart il-Prim Ministru.
  
Saħqet dwar il-ħtieġa li pajjiżna jħares lejn bidla fil-liġi dwar il-kundizzjonijiet li jinżammu fihom l-annimali f’pajjiżna u fuq kollox jara li l-awtoritajiet jingħataw aktar riżorsi biex tiġi infurżata l-liġi kontra l-moħqrija.
 
“Il-fondi li qed nagħtu llum se jgħinu biex l-għaqdiet jibqgħu għaddejjin minn xahar għal ieħor, imma jien ninsab kommessa li din ma tkunx għotja iżolata imma li s-sostenn lejn id-drittijiet tal-annimali f’pajjiżna jkompli jiżdied”, temmet tgħid Dr Abela.
 
Il-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali se jistabbilixxi oqsma prijoritarji għall-finanzjament kull sena, b’konsultazzjoni mal-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali.