STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI - Skema ta’ 1.5 miljun ewro sabiex jikkumpensa għall-ħsara mmirata lejn impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja

Reference Number: PR201873mt, Press Release Issue Date: Sep 30, 2020
Skema ta’ 1.5 miljun ewro sabiex jikkumpensa għall-ħsara mmirata lejn impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja
​Il-Ministru Anton Refalo ħabbar skema ta' 1.5 miljun ewro sabiex jgħin kemm jista' jkun lil bdiewa u jikkompensa għall-ħsara fl-uċuħ tar-raba' li rriżulta f-telf ta' dħul kawża tal- maltempata li laqtet il-gżejjer Maltin bejn it-23 u l-24 ta' Frar 2019.

Id-Dipartiment għall-Affarijiet Rurali fi ħdan il-Ministeru tal-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali ser ikun qed jibgħat applikazzjonijiet lil dawk il-bdiewa li ntlaqtu mill-maltempata ta' Frar 2019 u li kienu rrappurtaw il-ħsara wara avviż mid-Dipartiment. Il-kumpens ġie kkalkulat fuq bażi ta' spezzjonijiet li twettqu min uffiċjali tad-dipartiment u skont metodoloġija approvata mill-Kummissjoni Ewropeja. Dan il-kumpens ser ikun qed jitħallas fil-gimgħat li ġejjin u huwa differenti minn kumpens li diġà tħallas relatat ma' ħsarat li l-bdiewa u raħħala Maltin sofrew fl-istrutturi tagħhom.

Din l-għajnuna qed tingħata peress li l-assigurazzjoni fuq prodotti agrikoli mhijiex disponibbli fil-gżejjer Maltin, u għalekk il-Ministeru ħadem sabiex jingħata kumpens fil-qafas ta' għajnuna mill-istat. ​​​

Madwar  460 bidwi se jkunu qed jibbenefikaw minn din l-iskema b'total ta' baġit ta' 1.5 miljun ewro li ġew allokati mill-baġit nazzjonali.