STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ: Jitħabbar il-proġett tal-AGRIHUB - The Agriculture Research and Innovation Hub

Reference Number: PR201916mt, Press Release Issue Date: Oct 07, 2020
Jitħabbar il-proġett tal-AGRIHUB - The Agriculture Research and Innovation Hub
​Il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbru l-proġett tal-AGRIHUB b’investiment ta’ aktar minn €2 miljun b’fondi Ewropej li ġejjin mill-Pjan Għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020. Dan ser ikun qiegħed jgħin fit-twettiq tal-viżjoni ta’ dan il-gvern biex Malta jkollha produzzjoni agrikola aktar sostenibbli.

L-għan ewlieni huwa li tinħoloq pjattaforma biex tappoġġja s-settur agrikolu permezz ta’ riċerka nazzjonali bbażata fuq il-ħtiġijiet fil-Politika Nazzjonali dwar l-Agrikoltura għal Malta b’metodi mtejba u bi preċiżjoni.

Ser jiġu identifikati ż-żoni f’Malta u Għawdex li huma ta’ importanza agrikola, fejn dawn jiġu mgħammra b’sensiela ta’ sensors sabiex tinġabar informazzjoni varja, liema informazzjoni tiġi użata sabiex jiġu żviluppati rakkomandazzjonijiet illi jintbagħtu lill-bdiewa direttament.

Il-Ministru Refalo rringrazzja lill-partners f’dan il-proġett, l-MCAST u ċ-CIHEAM u qal illi permezz ta’ partners ta’ dan il-kalibru, irnexxielna ngħaqdu team ta’ esperti li se jkunu qegħdin jaħdmu id f’id mad-Dipartiment sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti f’dan il-proġett.

Huwa kompla jgħid, “Dan il-proġett ser ikun qed jirrikjedi l-parteċipazzjoni tal-bdiewa għax nemmnu illi mingħajr din il-parteċipazzjoni, dan il-proġett ma jistax ikun ta’ suċċess”. 

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li, permezz ta’ dan il-proġett iffinanzjat b’fondi Ewropej, qed ninvestu f’aktar innovazzjoni sabiex inkomplu nsaħħu l-qasam tar-riċerka fl-agrikoltura, li se twassal għal aktar għajnuna għall-bdiewa. Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi sostna li proġett bħal dan huwa eżempju konkret tal-viżjoni tal-Unjoni Ewropea fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tagħha tal-Green Deal u d-diġitalizzazzjoni. Finalment, ikkonkluda billi qal li permezz ta’ proġetti ta’ riċerka qed nitgħallmu nieħdu ħsieb aktar l-ambjent ta’ madwarna biex inkunu aktar sostenibbli u niminimizzaw l-impatt li s-settur agrikolu qed ikollu fuq l-ambjent naturali.​