STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-BIEDJA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Patrols tal-lampuki fl-ibħra internazzjonali

Reference Number: PR201918mt, Press Release Issue Date: Oct 07, 2020
 
Kif kien intqal waqt konferenza stampa nhar it-13 ta’ Awwissu 2020, id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura (DFA) fi ħdan il-Ministeru għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali bl-għajnuna tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM), qed iwettaq sorveljanza kemm fil-qasam territorjali kif ukoll f’ilmijiet internazzjonali sabiex jissodisfaw l-obbligi tas-sajd bħala parti mill-pjanijiet ta’ kontrolli tas-sajd li Malta timplimenta. Dawn il-monitoraġġi, li huma parti minn rutina tas-sajd, mhumiex immirati esklussivament lejn xi pajjiż partikolari iżda huma ffukati speċifikament fuq FAD (Apparat Aggregat tas-Sajd) ‘kannizzati’ fl-ibħra internazzjonali.

L-operazzjonijiet ta’ sorveljanza u l-monitoraġġ għas-sajd tal-lampuki jitwettqu skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM) GFCM / 43/2019/1, li tgħid li, “Għandu jkun ipprojbit għal bastiment ta’ parti kontraenti (CPC) biex taqbad ħut attirat minn Apparat Aggregat tas-Sajd (FAD) ‘kannizzata’ li ma ġietx sorġuta minn dan il-bastiment CPC”. Għalhekk huwa illegali li bastimenti Tuneżini jistadu fuq kannizzati sorġuti minn bastimenti Maltin u viċe versa.

Filwaqt li jżommu f’perspettiva kompetenzi ġurisdizzjonali fil-liġi internazzjonali, DFA u AFM qed jipprovdu l-assistenza possibbli u jiġbru l-evidenza meħtieġa biex ikunu f’pożizzjoni li jippreżentaw l-affarijiet fil-fora relevanti. Minbarra l-azzjoni li ttieħdet mid-DFA / AFM, is-sajjieda ġew mitluba jirrappurtaw u jipprovdu l-evidenza kollha permezz ta’ filmati, ritratti u koordinati ġeografiċi eżatti rigward ksur tar-rakkomandazzjonijiet tal-GFCM bħal attivitajiet illegali fil-linji FAD tagħhom. Għandu jiġi enfasizzat li kwistjonijiet bħal dawn qed iseħħu fl-ibħra internazzjonali u mhux fiż-Żona Maltija għall-Ġestjoni u l-Konservazzjoni tas-Sajd.

Permezz ta’ kooperazzjoni konġunta bejn diversi ministeri, Malta ressqet evidenza sostanzjali li nġabret permezz ta’ attivitajiet kemm uffiċjali kif ukoll mhux uffiċjali, quddiem il-Kummissjoni Ewropea. Wara dawn is-sottomissjonijiet, l-awtoritajiet Maltin impenjaw ruħhom b’mod attiv mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) u ddiskutew dawn l-attivitajiet illegali. Il-laqgħat qed isiru kull ġimgħa u l-iżviluppi mistennija jsiru mill-Kummissjoni Ewropea direttament mat-Tuneżija anke fil-livell tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM). Barra minn hekk, Malta, permezz tal-Ministeru responsabbli għall-Affarijiet Barranin, qed titkellem ukoll b’mod bilaterali mat-Tuneżija bl-għan li ssolvi din il-kwistjoni u tipproteġi l-għajxien tas-sajjieda Maltin.