STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: It-tnedija tas-Sena Internazzjonali tas-Saħħa tal-Pjanti 2020 f’Malta

Reference Number: PR201988mt, Press Release Issue Date: Oct 14, 2020
It-tnedija tas-Sena Internazzjonali tas-Saħħa tal-Pjanti 2020 f’Malta
Il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar it-tnedija tas-Sena Internazzjonali tas-Saħħa tal-Pjanti 2020 f’Malta, magħrufa bħala l-International Year of Plant Health 2020 (IYPH 2020). 

Għall-ewwel darba fl-istorja ġiet proklamata sena dedikata għas-saħħa tal-pjanti mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ġewwa New York biex jiżdied l-għarfien fost il-pubbliku ġenerali. Dawk involuti fl-ippjanar tal-politika u partijiet oħra kkonċernati dwar l-importanza tas-saħħa tal-pjanti u l-bżonn ta’ protezzjoni tal-pjanti biex jilħaq il-miri tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

Illum il-ġurnata, sa erbgħin fil-mija (40%) tal-ikel madwar id-dinja jintilef ta’ kull sena minħabba mard tal-pjanti. F’termini ekonomiċi, il-mard tal-pjanti waħidhom jiswew madwar US$220 biljun fis-sena u madwar US$70 biljun bl-insetti invażivi.

Fuq livell internazzjonali l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti stiednet lill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) flimkien mas-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (IPPC) biex iservu bħala l-aġenzija prinċipali għall-IYPH 2020. 

Il-Ministru Refalo qal li huwa ta’ unur għall-Ministeru li jkun parti mill-IYPH 2020 b’mod attiv billi jieħu l-opportunità biex ikompli jtejjeb u jżid l-għarfien dwar l-importanza tas-saħħa tal-pjanti u s-settur fitosanitarju fuq livelli differenti kemm mal-pubbliku ġenerali kif ukoll mall-partijiet ikkonċernati tas-settur. 

Minħabba l-effett tal-pandemija tal-COVID-19, l-attivitajiet li kienu ppjanati fuq livell internazzjonali ttieħdet deċiżjoni li din is-sena tiġi estiża sa nofs is-sena 2021.

Id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti huwa l-entità nazzjonali responsabbli mill-protezzjoni tal-pjanti speċjalment tal-agrikoltura ta’ Malta. Mill-bidu nett id-Direttorat għaraf l-importanza u ta l-appoġġ mistħoqq.

Matul din it-tnedija tal-IYPH 2020 ġiet organizzata sessjoni ta’ ħidma dwar ix-xogħol tad-Direttorat, ir-rwol tal-IPPC, ir-Regolamenti l-ġodda tas-settur fitosanitarju u dwar liema huwa dak il-mard tal-pjanti li fuqhom hemm attenzjoni diretta minħabba l-effetti agrikoli ambjentali u ekonomiċi fost l-oħrajn li jista’ jkollu fuq Malta.